L-2017 kienet sena ta’ tibdil u tiġdid fil-ħidma tal-MEUSAC, bit-twaqqif ta’ din l-entità bħala aġenzija pubblika bil-għan li jissaħħu s-servizzi li toffri ħalli jqarreb iċ-ċittadini iktar lejn l-Unjoni Ewropea (UE) u jżomm ħaj l-għarfien dwar Malta fl-UE. Permezz ta’ dan it-tiġdid, il-MEUSAC jista’ jkompli jwettaq aħjar il-funzjonijiet tiegħu ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwar politiki u liġijiet tal-UE, jgħin għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali jiksbu fondi tal-UE għall-proġetti tagħhom u wkoll li jipprovdi informazzjoni dwar l-UE.

Fis-sentejn li ġejjin, permezz ta’ fondi mill-Fond Soċjali Ewropew, il-MEUSAC se jkun qiegħed jimplimenta proġett li l-għan aħħari tiegħu hu li jinvolvi aktar lill-għaqdiet mhux governattivi fil-proċess ta’ konsultazzjoni. L-uffiċjali tal-MEUSAC se jingħataw taħriġ biex ikunu jistgħu jwettqu dan il-proċess aħjar, waqt li l-għaqdiet mhux governattivi se jitħarrġu biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom aktar fil-fora ta’ konsultazzjoni tal-UE.

Fejn tidħol l-informazzjoni dwar l-UE, il-MEUSAC għadu kif intgħażel mill-Kummissjoni Ewropea biex iservi ta’ ċentru ta’ informazzjoni dwar l-UE, fost madwar 450 li jinsabu madwar l-UE.

Dan iċ-ċentru, imsejjaħ Europe Direct Information Centre Valletta, ser ikun qiegħed jikkopera ma’ ċentru ieħor fl-Università ta’ Malta u wieħed fi ħdan il-Gozo Business Chamber f’Għawdex, kollha bl-istess funzjoni. Il-konferma tal-MEUSAC bħala ċentru EDIC għat-tliet snin li ġejjin jabbina tajjeb mal-proċessi li tagħhom il-MEUSAC diġà huwa responsabbli, għax ser jagħti l-opportunità sabiex jissaħħu s-servizzi u tittejjeb l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li permezz tagħhom jikber l-għarfien ta’ politiki u inizjattivi oħra tal-UE.

L-EDIC hija waħda mill-għodod ewlenin li l-Kummissjoni Ewropea tuża biex toffri informazzjoni lokalment liċ-ċittadini. Ċentru EDIC huwa punt ta’ tluq li permezz tiegħu tingħata informazzjoni ġenerali fuq l-UE, tgħin liċ-ċittadini jirreferu għal sorsi ta’ informazzjoni speċjalizzati, iżżid l-għarfien tal-pubbliku u tippromwovi d-dibattitu dwar l-UE.

L-għan aħħari tal-MEUSAC bħala ċentru EDIC huwa li jippromwovi ċittadinanza Ewropea li hi aktar attiva u infurmata. Dan jista’ jsir b’koperazzjoni ma’ ċentri oħra ta’ informazzjoni dwar l-UE u mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Malta. Il-MEUSAC bħala ċentru EDIC ser ikun qiegħed ikompli iservi bħala punt ta’ kuntatt billi joffri komunikazzjoni li tvarja minn tweġibiet għall-mistoqsijiet li jkollhom in-nies, jaħdem iktar ma’ ċentri oħra li joffru servizzi marbuta mal-UE fuq livell lokali, juża mezzi differenti tal-midja biex iwassal l-informazzjoni, u joħloq attivitajiet li jinvolvu liċ-ċittadini ta’ etajiet, interessi u setturi differenti.

L-EDIC, fi kliem ieħor huwa inizjattiva oħra tal-UE biex tkompli tindirizza l-bżonn li jinħass li tkun iktar qrib iċ-ċittadini tagħha. Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika fl-UE (Ewrobarometru 88) li sar fl-aħħar xhur tal-2017, maġġoranza kbira ħafna taċ-ċittadini Maltin huma ottimisti dwar il-futur tal-UE (70%). Il-MEUSAC bħala ċentru EDIC huwa opportunità biex dan l-ottimiżmu jkompli jikber u jissarraf f’futur li tassew huwa pożittiv. Din hija wkoll opportunità għaċ-ċittadini biex kif fil-maġġoranza tagħhom juru fl-istħarriġiet li jsiru, huma interessati li jkunu aktar infurmati u aġġornati dwar dak li jkun qiegħed iseħħ fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-opportunitajiet li jġibu magħhom inizjattivi bħal dawn. Huwa għalhekk li huwa importanti li l-MEUSAC, bħala ċentru EDIC, ikompli jsaħħaħ il-proċessi tiegħu biex iwassal b’mod effettiv informazzjoni dwar l-UE u l-inizjattivi tagħha.

Matul it-tliet snin li ġejjin, kull min hu interessat jara, jagħmel użu u jifhem iktar x’inhuma s-servizzi li l-MEUSAC ser ikun qiegħed joffri bħala ċentru EDIC jista’ jinqeda bil-kuntatti tal-MEUSAC www.meusac.gov.mt, [email protected] jew 2200 3300, waqt li ċ-ċentru EDIC Valletta, immexxi mill-MEUSAC, jista’ jiġi kkuntattjat bl-email fuq [email protected] jew bit-telefon fuq 2200 3316.

Artiklu miktub minn Neil Portelli, Direttur fil-MEUSAC, li deher fil-ħarġa tal-Orizzont tal-21 ta’ Jannar 2018.